Politika dwar il-privatezza

    1. Introduzzjoni

      Mill-11 ta' Diċembru 2018, il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018. Dan ir-Regolament isegwi l-istess prinċipji u regoli bħal dawk stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

      Dan is-sit jista' jkun fih links għal siti oħrajn. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-prattiki jew il-politiki tal-privatezza tas-siti web ta' partijiet terzi.

    2. Għaliex niġbru, inżommu u nipproċessaw id-data tiegħek?

      Niġbru u nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek sabiex inżommu kuntatt maċ-ċittadini, li b'mod volontarju jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li jiġu infurmati jew involuti fl-avvenimenti u l-inizjattivi li jsiru fil-kuntest tal-kampanja ta' komunikazzjoni u informazzjoni istituzzjonali tal-Parlament Ewropew għall-Elezzjonijiet Ewropej 2019.

      L-informazzjoni personali tiegħek tiġi ttrattata skont il-politika deskritta fir-Regolament (UE) Nru 2018/1725. Il-kompiti relatati mal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni istituzzjonali tal-Parlament Ewropew isiru fl-interess pubbliku. Il-Parlament Ewropew jipproċessa d-data personali esklużivament għall-finijiet stabbiliti meta tkun intbagħtet.

    3. Min hu responsabbli mid-data tiegħek? (Il-kontrollur)

      Id-data tiegħek tiġi pproċessata taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tal-Unità tal-Komunikazzjoni bl-Internet fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew.

      L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew jara li l-istituzzjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) iservi ta' awtorità superviżorja indipendenti. Il-KEPD jara li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jirrispettaw il-kunfidenzjalità meta jipproċessaw id-data personali tal-individwi.

    4. X'data personali niġbru?

      Niġbru biss l-informazzjoni li jkollna bżonn għall-finijiet stabbiliti meta niġbruha, u min-naħa tiegħek tista' taġġorna din l-informazzjoni xħin trid.

      Aħna niġbru informazzjoni mingħandek kif ġej:

      • personalment u/jew fuq it-telefon;
      • meta tirreġistra fis-sit tagħna.

      Hawn taħt issib xi eżempji tal-informazzjoni li nistgħu niġbru mingħandek, bil-permess tiegħek:

      • ismek u kunjomok;
      • id-dettali tiegħek (eż. l-indirizz tal-email, il-post fejn tgħix, in-numru tat-telefon, eċċ.);
      • il-lingwa li tippreferi;
      • il-preferenzi biex nikkomunikaw miegħek fil-futur, inkluż dwar l-abbonamenti u l-oqsma li jinteressawk f'wieħed jew aktar mis-suġġetti li tkun tixtieq tirċievi aktar informazzjoni dwarhom (mhux obbligatorja);
      • jekk tagħżel li tirreġistra permezz ta' Facebook jew Twitter, id-dettalji tiegħek jistgħu jinġabru wkoll permezz tal-metodu magħżul;
      • il-Parlament Ewropew iżomm ukoll kont tal-għadd ta' utenti reklutati minn utenti oħra permezz tal-pjattaforma għal finijiet ta' statistika u rappurtar.

      Il-Parlament Ewropew ma jiġborx kategoriji speċjali ta' data, bħal opinjonijiet, u mhuwiex qed juża din il-pjattaforma għal skopijiet ta' tfassil ta' profili.

      Meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet online fuq il-midja soċjali permezz ta' din il-pjattaforma, jista' jkun hemm bżonn li tiġi pproċessata data personali addizzjonali għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar, bħall-informazzjoni li tidher fuq il-passaport (isem, data tat-twelid, ritratt tal-karta tal-identità jew tal-passaport), id-data u l-post tat-tluq u r-ritorn u l-indirizz tal-email.

      Cookies u ħażna lokali

      Dan is-sit juża l-cookies biex jippermetti u jtejjeb il-funzjonijiet jew biex itejjiblek l-esperjenza tan-navigazzjoni. Il-Parlament fl-ebda ċirkustanza ma juża l-cookies biex jiġbor, jipproċessa, ixerred jew jirreġistra data personali. Tista' faċilment tibdel is-settings tal-cookies wara l-għażla inizjali tiegħek billi tagħfas il-link "Biddel il-preferenzi dwar il-cookies" f'qiegħ il-paġna.

      X'tagħmel jekk ma tridx li jinżammu cookies fuq il-kompjuter tiegħek?

      Uħud iqisu li l-idea li tinżamm informazzjoni fuq il-kompjuter, it-tablet jew il-mobile tagħhom hija kemxejn invażiva, partikolarment meta dik l-informazzjoni tinżamm u tintuża minn partijiet terzi mingħajr l-għarfien tagħhom. Jekk tippreferi, tista' timblokka wħud minn dawn il-cookies jew kollha kemm huma, u saħansitra tħassar il-cookies li diġà jkollok, iżda tajjeb tkun taf li tista' titlef xi funzjonijiet. Biex tagħmel dan, trid tbiddel is-settings tal-privatezza tal-browser tiegħek.

      Xi operaturi terzi żviluppaw għodod li jippermettulek tiddiżattiva l-ġbir u l-użu tad-data.

      Cookies ta' terzi

      Facebook, Twitter, Youtube u Google Maps jistgħu jissettjaw cookies għall-qsim ta' kontenut fuq in-netwerks soċjali jew għall-produzzjoni ta' statistika dwar l-aċċess. Il-preżenza, l-għadd u l-istatus tal-cookies jiddependu fuq kif tuża l-pjattaformi kkonċernati qabel jew waqt li tkun qed iżżur is-sit tal-Parlament.

      Għandek tara x'inhi l-politika tas-siti rilevanti dwar il-cookies tan-netwerks soċjali billi tagħfas fuq il-links rilevanti. Tista' faċilment tibdel is-settings tal-cookies wara l-għażla inizjali tiegħek billi tagħfas fuq il-link "Biddel il-preferenzi dwar il-cookies" f'qiegħ il-paġna.

       

       

      Xi tkun cookie?

      Il-biċċa l-kbira tas-siti li żżur fuq l-internet jużaw il-cookies biex itejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Permezz tagħhom, is-siti "jiftakruk" – għat-tul taż-żjara tiegħek (billi jużaw "cookie temporanja") jew għal żjarat ripetuti (billi jużaw "cookie persistenti").

      Il-cookies jista' jkollhom bosta funzjonijiet differenti. Jippermettulek tinnaviga bejn paġna u oħra b'effiċjenza, iżommu nota tal-preferenzi tiegħek u, b'mod ġenerali, itejbulek l-esperjenza tiegħek fuq is-sit. Il-cookies iħaffu u jiffaċilitaw l-interazzjoni bejnek u bejn is-sit. Kieku sit ma jużax il-cookies, kull darba li tmur f'paġna ġdida jaħsbek viżitatur ġdid – pereżempju, meta tagħlaq menu u tmur f'paġna oħra, ma jiftakarx li tkun għalaqt dak il-menu fil-paġna preċedenti u allura jurik il-paġna li jmiss bil-menu ta' dik il-paġna miftuħ.

      Barra minn hekk, xi siti jużaw il-cookies biex jimmiraw ir-riklami jew il-messaġġi kummerċjali tagħhom skont, pereżempju, il-lokalità tiegħek u/jew id-drawwiet tiegħek fuq l-internet.

      Jista' jkun li l-cookies ikunu qed jintużaw mis-sit stess li tkun qed iżżur ("cookies interni") jew jistgħu jkunu qed jintużaw minn siti oħra li jkollhom kontenut fuq il-paġna li tkun qed tikkonsulta ("cookies ta' terzi").

      Xi jkun fiha cookie?

      Cookie hija file ta' test sempliċi li s-server ta' sit fuq l-internet iżomm fil-kompjuter, it-tablet jew il-mobile tiegħek. Sussegwentement, dak is-server ikun jista' jirkupra jew jaqra l-kontenut ta' dik il-cookie. Il-cookies jiġu amministrati mill-browser tiegħek. Kull cookie hija unika u tinkludi xi informazzjoni anonima bħal identifikatur uniku, isem is-sit, ċifri u ittri. Permezz tagħha, is-sit jiftakar il-preferenzi tiegħek.

      Tipi ta' cookies

      Cookies interni

      Il-cookies interni jintużaw mis-sit li tkun qed iżżur u jistgħu jinqraw biss minn dak is-sit.

      Cookies ta' terzi

      Il-cookies ta' terzi jintużaw minn organizzazzjoni li ma tkunx is-sid tas-sit li tkun qed iżżur. Pereżempju, biex isir jaf kemm qed ikollu viżitaturi, sit jista' juża ditta tal-analitika ta' terzi, li tuża cookie tagħha stess biex twettaq dak is-servizz. Is-sit li tkun qed iżżur jaf ikun fih kontenut inkorporat, eż. filmati minn YouTube jew sensiela ta' ritratti minn Flickr. Anki dawk is-siti jistgħu jużaw il-cookies tagħhom.

      Ta' importanza ikbar huwa l-fatt li sit jista' juża netwerk pubbliċitarju ta' terzi biex jipprovdi riklamar immirat. Il-Parlament ma jużax servizzi ta' riklamar.

      Cookies temporanji

      Il-cookies temporanji jinżammu temporanjament għas-sessjoni ta' navigazzjoni u jitħassru mill-apparat tal-utent meta dan jagħlaq il-browser.

      Cookies persistenti

      Il-cookies persistenti jinżammu fuq il-kompjuter tiegħek għal perjodu fiss (normalment għal sena jew aktar) u ma jitħassrux meta tagħlaq il-browser. Aħna nużawhom meta jkollna bżonn inkunu nafu min int għal aktar minn sessjoni waħda.

      Cookies Flash

      Ħafna siti jużaw l-Adobe Flash Player biex jipprovdu kontenut fl-għamla ta' filmati u infografika. L-Adobe juża l-cookies tiegħu, li ma jistgħux jiġu amministrati permezz tas-settings tal-browser tiegħek. Dawn jintużaw mill-Flash Player għall-istess raġuni li jintużaw il-cookies l-oħra, jiġifieri biex jinżammu l-preferenzi jew jiġu lokalizzati l-utenti.

      Il-cookies Flash jaħdmu differenti mill-cookies tal-browser tiegħek. Minflok juża cookies speċifiċi għal funzjonijiet speċifiċi, sit ikun ristrett iżomm id-data kollha relatata mas-sit f'cookie waħda. Inti tista' tikkontrolla kemm tista' tinżamm informazzjoni f'dik il-cookie, iżda ma tistax tagħżel x'tip ta' informazzjoni tinżamm.

       

       

    5. Lil min tingħata d-data tiegħek?

      Il-persunal tal-Parlament Ewropew u tal-proċessur tad-data biss ikollhom aċċess għad-data tiegħek. Il-Parlament Ewropew ma jittrażmetti l-ebda data lil persuni oħra għajr lil dawn id-destinatarji. Il-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi jiġu involuti biss f'każ ta' awditu jew proċeduri ġudizzjarji. Il-Parlament Ewropew ma jaqsamx data personali ma' partijiet terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta.

    6. Għal kemm żmien tinżamm id-data tiegħek?

      Id-data personali tinħażen għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew sa meta s-suġġetti tad-data jitolbu li titneħħa.

    7. Kif tinżamm id-data tiegħek?

      Il-Parlament Ewropew jimpenja ruħu li jipproteġi s-sigurtà tal-informazzjoni personali tiegħek. Nużaw varjetà ta' teknoloġiji u proċeduri ta' sigurtà bil-għan li nipproteġu l-informazzjoni personali tiegħek minn aċċess, użu jew divulgazzjoni bla permess.

      Id-data personali tiegħek tinżamm f'servers siguri b'aċċess limitat u f'faċilitajiet ikkontrollati. Għal skopijiet ta' ħażna u manutenzjoni, id-data personali tista' tiġi ttrasferita fl-Istati Uniti f'konformità mal-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 u fil-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-US.

    8. Kif tista' tara d-data tiegħek, tiċċekkja l-preċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm bżonn, tikkoreġiha jew tħassarha?

      Tista' tikkuntattja lill-Unità tal-Komunikazzjoni bl-Internet. Jekk l-unità ma tkunx f'pożizzjoni li twieġeb għat-talba tiegħek, jintalab appoġġ tekniku mingħand il-proċessur tad-data.

      Jekk ikollok xi dubji dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni personali tiegħek fuq din il-pjattaforma, tiddejjaqx tikkuntattja lill-Unità tal-Komunikazzjoni bl-Internet.

      Kuntatt:

      European Parliament

      Directorate general for Communication - Web Communication unit

      Rue Wiertz 60

      B-1047 Brussels

      datarequest@thistimeimvoting.eu

    9. Rikors

      Tista' tindirizza kwalunkwe lment:

      • lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew

      Email: Data-Protection@europarl.europa.eu

      Email: edps@edps.europa.eu