Għaliex għandi nivvota fl-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju 2019?

Bħala Ewropej qegħdin niffaċċjaw ħafna sfidi, mill-migrazzjoni sat-tibdil fil-klima, mill-qgħad fost iż-żgħażagħ sal-privatezza tad-data. Qegħdin ngħixu f'dinja dejjem aktar globalizzata u kompetittiva. Fl-istess ħin, ir-referendum tal-Brexit wera li l-UE mhijiex proġett irrevokabbli. U filwaqt li fil-biċċa l-kbira aħna nqisu d-demokrazija bħala fatt, din donnha wkoll qed tiġi mhedda dejjem aktar, kemm fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika.

Kien għalhekk illi bdejna nibnu komunità ta' sostenituri biex bl-għajnuna tagħhom inħeġġu għadd akbar ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej. L-għan tagħna mhuwiex li nirrakkomandaw lin-nies għal min għandhom jivvutaw: l-għan tagħna huwa li nirrakkomandaw lin-nies jivvutaw u jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku; u nirrakkomandawlhom jagħmlu dan b'mod konxju u kompletament infurmat. Irridu nisfruttaw il-potenzjal tad-djalogu bejn il-bnedmin u nibnu komunità ta' sostenituri madwar l-Ewropa kollha biex jikkonvinċu lin-nies imorru jivvutaw u b'hekk jiddefendu l-idea stess tad-demokrazija, ħalli niddeċiedu lkoll flimkien f'liema tip ta' Ewropa rridu ngħixu.

Għax did-darba mhux biżżejjed li nittamaw għal futur aħjar: did-darba kull wieħed u waħda minna rridu wkoll nidħlu għalih b’responsabbiltà.